content here is the anonymously transparent proxied version of ecb.europa.eu   X
Menu

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Novembru 2020

20 ta’ Novembru 2020

Operazzjonijiet tas-suq

Tibdil għall-pubblikazzjoni tad-dejta tal-ġestjoni tal-likwidità

Fil-5 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta bosta emendi relatati mal-pubblikazzjoni ta' dejta dwar il-ġestjoni tal-likwidità, bil-għan li jiġu ssimplifikati l-proċessi u tiżdied l-effiċjenza. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jissospendi l-pubblikazzjoni tal-ammont ta’ allokazzjoni ta’ kwota standard tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MROs), peress li mhijiex meħtieġa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-politika monetarja tal-Eurosistema taħt il-qafas operattiv attwali u l-kundizzjonijiet tal-likwidità. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jnaqqas il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tal-fattur awtonomu previst minn darbtejn fil-ġimgħa għal darba fil-ġimgħa fil-ġranet tat-tħabbira tal-MRO. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibdel il-ħin tal-pubblikazzjoni tad-dejta tal-likwidità ta’ kuljum mid-09:10 CET għall-11:30 CET. Dawn il-bidliet se jidħlu fis-seħħ fl-14 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri fil-jum tat-tħabbira tal-ewwel MRO tal-perjodu ta’ manutenzjoni tar-riżerva li jibda fis-16 ta’ Diċembru 2020.

Reviżjoni regolari tal-ftehim fuq l-assistenza ta’ likwidità f’emerġenza

Fid-9 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta verżjoni riveduta tal-ftehim dwar għajnuna ta’ likwidità ta’ emerġenza (ELA). Din il-verżjoni aġġornata fiha emenda teknika għat-Taqsima 3.2(a)(i) biex tiċċara li l-valutazzjonijiet tas-solvibbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji jitwettqu mis-superviżur prudenzjali skont id-definizzjoni tas-solvenza għall-finijiet tal-ELA kif stipulat fit-Taqsima 4. Huwa speċifikat ukoll li l-ftehim tal-ELA se jiġi rrivedut sa mhux aktar tard mill-2023. Il-ftehim aġġornat ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà finanzjarja

Il-Financial Stability Review [Reviżjoni tal-Istabbiltà Finanzjarja] – Novembru 2020

Fit-18 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Novembru 2020 tar-Reviżjoni tal-Istabbiltà Finanzjarja u awtorizza l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jivvaluta l-implikazzjonijiet tal-pandemija li għaddejja, kif ukoll il-bidliet assoċjati fil-prospetti ekonomiċi għall-funzjonament tas-suq finanzjarju, is-sostenibbiltà tad-dejn, il-profittabilità tal-banek u s-settur finanzjarju mhux bankarju. Huwa jistabbilixxi wkoll konsiderazzjonijiet ta’ politika kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għall-perijodu medju. Ir-rapport huwa skedat li jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fil-25 ta’ Novembru 2020.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Il-ħdax-il stħarriġ fuq is-servizzi bankarji korrispondenti bl-euro

Fit-30 ta’ Ottubru 2020 l-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-ħdax-il stħarriġ fuq is-servizzi bankarji korrispondenti bl-euro. Il-konstatazzjonijiet tal-istħarriġ tal-2019 juru tnaqqis ta’ 22% fil-fatturat bankarju korrispondenti totali mqabbel mad-dejta tal-2016, kif ukoll tnaqqis ta’ 21% fin-numru ta’ banek tal-klijenti u tnaqqis ta’ 43% fid-daqs medju tat-tranżazzjoni. Madankollu, ir-relazzjonijiet bankarji korrispondenti jkomplu jkunu ħolqa importanti fil-katina tal-ħlas b’fatturat totali ta’ kuljum ta' €686 biljun. Rekwiżiti regolatorji dejjem jiżdiedu relatati mal-proċeduri kontra l-ħasil tal-flus u l-proċeduri tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll proċeduri “kun af lill-klijent tiegħek" jispjegaw parzjalment il-fatturat li qed jonqos u n-numru dejjem jonqos ta’ arranġamenti bankarji korrispondenti. Meta mqabbel ma’ stħarriġ preċedenti, jidher li l-aqwa atturi fis-suq baqgħu l-istess u hemm tendenza għall-akbar banek li jispeċjalizzaw f’attività transkonfinali, filwaqt li banek iżgħar qed inaqqsu d-daqs tan-negozju tagħhom. Bħala riżultat, is-suq bankarju korrispondenti jibqa’ kkonċentrat ħafna. B’ħarsa ’l quddiem, 60% tal-banek mistħarrġa jistennew żieda fl-attivitajiet bankarji korrispondenti fuq żmien medju minħabba żieda fl-effiċjenza u l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda fl-ambjent transkonfinali. L-istħarriġ huwa disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-Arranġamenti Ġodda għat-Teħid ta’ Self bejn il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Awstrija

Fit-30 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/27 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tneħħija tal-imposta speċjali fuq istituzzjonijiet finanzjarji magħżula fis-Slovakkja

Fl-4 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/28 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rapportar tal-bilanċ tal-ħlasijiet fl-Awstrija

Fis-17 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/29 wara talba minn Oesterreichische Nationalbank.

Governanza korporattiva

Emendi għall-istrumenti legali li għandhom x’jaqsmu mal-qafas tal-kontabilità u finanzjarju tal-Eurosistema

Fit-12 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta emendi għall-istrumenti legali relatati mal-qafas tal-kontabilità u tar-rappurtar finanzjarju tal-Eurosistema, jiġifieri d-Deċiżjoni BĊE/2020/55 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri Stati li l-munita tagħhom hija l-euro u d-Deċiżjoni BĊE/2020/56 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/298 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-bidliet introdotti jirriflettu l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza ta’ pandemija (PEPP) u l-operazzjonijiet tal-euro li jipprovdu likwidità lill-banek ċentrali mhux tal-Eurosistema. L-atti legali se japplikaw mill-31 ta’ Diċembru u dalwaqt se jkunu disponibbli fuq EUR-Lex.

Kuntatti midja