Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Il-globalizzazzjoni u r-reviżjoni tal-istrateġija

Il-globalizzazzjoni tfisser li l-avvenimenti fuq in-naħa l-oħra tad-dinja jista’ jkollhom impatt fuq l-ekonomija tagħna stess. Dan jista’ jaffettwa l-mod kif jiżviluppaw il-prezzijiet, u għalhekk għandu wkoll influwenza fuq il-politika monetarja tagħna. Huwa għalhekk li inkludejna l-globalizzazzjoni bħala parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna.

Għaliex il-globalizzazzjoni kienet parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna?

Il-globalizzazzjoni tista’ taffettwa l-prezzijiet

Xogħolna hu li nżommu l-prezzijiet stabbli. Biex nagħmlu dan tajjeb, irridu nifhmu kif taħdem l-ekonomija tagħna. Iżda l-ekonomija tagħna taħdem b’mod differenti ħafna llum milli kif kienet fl-2003. Dan kien meta l-BĊE għamel l-aħħar reviżjoni tal-istrateġija tiegħu.

Il-globalizzazzjoni hija mod kif inbidlet l-ekonomija. L-oġġetti, il-flus u l-informazzjoni issa jistgħu jivvjaġġaw ħafna aktar malajr u ’l bogħod milli kie kien jagħmlu. Dawn jgħinu biex il-kummerċ ikun aktar faċli. Issa nistgħu nordnaw prodotti minn madwar id-dinja billi nikklikkjaw buttuna u jikkonsenjawhomlna wara bieb tagħna fi ftit jiem.

B’inqas ostakli għall-kummerċ, il-kompetizzjoni żdiedet madwar il-pajjiżi. Biex jibqgħu fin-negozju, il-kumpaniji jew iżommu l-prezzijiet tagħhom stabbli jew iżiduhom ftit biss. Dan jista’ jbaxxi ż-żidiet ġenerali fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi, magħrufa wkoll bħala l-inflazzjoni.

Xenarju ġdid għall-politika monetarja

Il-globalizzazzjoni tfisser ukoll li l-avvenimenti li jseħħu fuq in-naħa l-oħra tad-dinja jistgħu jaffettwaw iż-żona tal-euro. Din tista’ tkun ħaġa tajba. Ekonomija li sejra tajjeb x’aktarx tixtri aktar prodotti minn ekonomiji oħra, li jfisser li n-negozji hemm jingħataw spinta wkoll. Iżda hemm ukoll l-iżvantaġġi. Pereżempju, il-kriżijiet jistgħu jinfirxu malajr. Rajna kif il-kriżi finanzjarja u l-pandemija reċenti affettwaw ekonomiji differenti fi żmien qasir ħafna. Dawn huma biss ftit mir-raġunijiet għala l-Kunsill Governattiv iddiskuta l-globalizzazzjoni bħala parti mir-reviżjoni tal-istrateġija.

Aħna naġġustaw il-politika monetarja tagħna skont kif tkun miexja l-ekonomija. Għalhekk, jeħtieġ li jkollna fehim tajjeb tal-modi kollha kif inhi marbuta ma’ ekonomiji oħra. Huwa għalhekk li qed naħdmu biex intejbu l-analiżi tagħna biex inqisu aħjar in-natura globali tal-ekonomija. Analiżi aħjar twassal għal deċiżjonijiet aktar infurmati, u dan jgħin biex il-prezzijiet jinżammu stabbli.

KOMPLI AQRA
L-implikazzjonijiet tal-globalizzazzjoni għall-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE
REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
Trid aktar informazzjoni?