Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Frankfurt am Main, 9 ta’ Settembru 2021

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

Il-fażi ta’ rpiljar fl-irkupru tal-ekonomija taż-żona tal-euro hija dejjem aktar avvanzata. Il-produzzjoni mistennija li taqbeż il-livell tagħha ta’ qabel il-pandemija sal-aħħar tas-sena. B'aktar minn 70 fil-mija tal-adulti Ewropej imlaqqma kompletament, l-ekonomija reġgħet infetħet mill-ġdid, u ppermettiet lill-konsumaturi jonfqu aktar u lill-kumpaniji jżidu l-produzzjoni. Filwaqt li l-immunità dejjem tikber għall-koronavirus tfisser li l-impatt tal-pandemija issa huwa inqas gravi, it-tixrid globali tal-varjant Delta għadu jista’ jdewwem il-ftuħ mill-ġdid sħiħ tal-ekonomija. Iż-żieda attwali fl-inflazzjoni hija mistennija li tkun fil-biċċa l-kbira temporanja u l-pressjonijiet tal-prezzijiet sottostanti qed jiżdiedu bil-mod biss. Il-prospetti tal-inflazzjoni fil-projezzjonijiet il-ġodda tal-persunal tagħna ġew riveduti kemxejn 'il fuq, iżda fit-terminu medju l-inflazzjoni hija prevista li tibqa’ sew taħt il-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija.

Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għal impriżi, unitajiet domestiċi u s-settur pubbliku baqgħu favorevoli mill-valutazzjoni trimestrali preċedenti tagħna f’Ġunju. Kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli huma essenzjali biex l-ekonomija tkompli bl-irkupru tagħha u tpatti għall-impatt negattiv tal-pandemija fuq l-inflazzjoni.

Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament u l-prospetti tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv jiġġudika li kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament jistgħu jinżammu b’pass moderatament aktar baxx ta’ xiri ta’ assi nett taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) milli fiż-żewġ trimestri ta’ qabel.

Aħna kkonfermajna wkoll il-miżuri l-oħra tagħna, jiġifieri l-livell tar-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, il-gwida bil-quddiem tagħna dwar l-evoluzzjoni probabbli tagħhom fil-ġejjieni, ix-xiri tagħna taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP), il-politiki tagħna ta’ investiment mill-ġdid u l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħna fit-tul, kif iddettaljat fl-istqarrija għall-istampa ppubblikata fis-13:45 illum. Aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna, kif jixraq, biex niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq terminu medju.

Issa se niddeskrivi f'aktar dettall kif naraw l-ekonomija u l-inflazzjoni jiżviluppaw, u mbagħad nitkellmu dwar il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-ekonomija rpiljat bi 2.2 fil-mija fit-tieni semestru tas-sena, li kien aktar milli kien mistenni. Qiegħda fi triq għal tkabbir aktar b’saħħtu fit-tielet semestru. L-irkupru jibni fuq is-suċċess tal-kampanji ta’ tilqim fl-Ewropa, li ppermettew ftuħ mill-ġdid sinifikanti tal-ekonomija.

Bit-tneħħija tar-restrizzjonijiet, is-settur tas-servizzi qed jibbenefika minn nies li jirritornaw fil-ħwienet u r-ristoranti u mill-irpiljar fl-ivvjaġġar u t-turiżmu. Il-manifattura qiegħda taħdem sewwa, anki jekk il-produzzjoni qed tkompli tinżamm lura minħabba nuqqas ta’ materjali u tagħmir. It-tixrid tal-varjant Delta s’issa ma kienx jirrikjedi li jerġgħu jiġu imposti miżuri ta’ lockdown. Iżda jista’ jnaqqas l-irkupru fil-kummerċ dinji u l-ftuħ mill-ġdid sħiħ tal-ekonomija.

L-infiq tal-konsumaturi qed jiżdied, għalkemm il-konsumaturi jibqgħu kemmxejn kawti fid-dawl tal-iżviluppi tal-pandemija. Is-suq tax-xogħol qed jitjieb ukoll malajr, li joħloq il-prospett ta’ dħul ogħla u infiq akbar. Il-qgħad qed jonqos u n-numru ta’ nies fi skemi ta’ żamma ta’ impjiegi naqas b’madwar 28 miljun mill-quċċata tas-sena li għaddiet. L-irkupru fid-domanda domestika u globali qed ikabbar aktar l-ottimiżmu fost l-impriżi, li qed jappoġġja l-investiment fin-negozju.

Fl-istess ħin, għad fadal xi jsir qabel ma tingħeleb il-ħsara lill-ekonomija kkawżata mill-pandemija. Għad hemm aktar minn żewġ miljun persuna inqas impjegati minn qabel il-pandemija, speċjalment fost iż-żgħażagħ u l-inqas imħarrġa. In-numru ta’ ħaddiema fi skemi ta’ żamma tax-xogħol ukoll jibqa’ sostanzjali.

Biex tappoġġja l-irkupru, politika fiskali ambizzjuża, immirata u kkoordinata għandha tkompli tikkumplimenta l-politika monetarja. B’mod partikolari, il-programm Ġenerazzjoni li Jmiss tal-UE se jgħin biex jiżgura rkupru aktar b’saħħtu u uniformi fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Ser jaċċellera wkoll it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, jappoġġa r-riformi strutturali u jneħħi t-tkabbir fit-tul.

Aħna nistennew li l-ekonomija tirkupra sewwa fuq medda medja ta’ żmien. It-tbassir ġdid tal-persunal tagħna jipprevedi tkabbir annwali reali tal-PDG ta’ 5.0 fil-mija fl-2021, 4.6 fil-mija fl-2022 u 2.1 fil-mija fl-2023. Meta mqabbla mal-projezzjonijiet tal-persunal ta’ Ġunju, il-prospetti tjiebu għall-2021 u ġeneralment ma nbidlux għall-2022 u l-2023.

Inflazzjoni

L-inflazzjoni żdiedet għal 3.0 fil-mija f'Awwissu. Aħna nistennew li l-inflazzjoni tiżdied aktar din il-ħarifa iżda tonqos is-sena d-dieħla. Din iż-żieda temporanja fl-inflazzjoni tirrifletti prinċipalment iż-żieda qawwija fil-prezzijiet taż-żejt minn madwar nofs is-sena li għaddiet, it-treġġigħ lura tat-tnaqqis temporanju tal-VAT fil-Ġermanja, is-sales ittardjati tas-sajf fl-2020 u l-pressjonijiet tal-ispejjeż li jirriżultaw minn nuqqas temporanju ta’ materjali u tagħmir. Matul l-2022 dawn il-fatturi għandhom jonqsu jew joħorġu mill-kalkolu tal-inflazzjoni sena wara sena.

Il-pressjonijiet tal-inflazzjoni sottostanti telgħu. Hekk kif l-ekonomija tirkupra aktar, u appoġġata mill-miżuri tal-politika monetarja tagħna, nistennew li l-inflazzjoni sottostanti tiżdied fuq żmien medju. Din iż-żieda hija mistennija li tkun biss gradwali, peress li se jieħu ż-żmien biex l-ekonomija terġa’ topera b’kapaċità sħiħa, u għalhekk il-pagi huma mistennija li jikbru biss b'mod moderat. Il-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fit-tul komplew jiżdiedu, iżda dawn jibqgħu xi ftit 'il bogħod mill-mira tagħna ta' tnejn fil-mija.

Il-projezzjonijiet il-ġodda tal-persunal jipprevedu inflazzjoni annwali ta’ 2.2 fil-mija fl-2021, 1.7 fil-mija fl-2022 u 1.5 fil-mija fl-2023, li jiġu riveduti ‘l fuq meta mqabbla mal-projezzjonijiet preċedenti f’Ġunju. L-inflazzjoni eskluża l-inflazzjoni tal-prezz tal-ikel u l-enerġija hija pproġettata għal medja ta’ 1.3 fil-mija fl-2021, 1.4 fil-mija fl-2022 u 1.5 fil-mija fl-2023, li wkoll qed tiġi rriveduta ‘l fuq mill-projezzjonijiet ta’ Ġunju.

Valutazzjoni tar-riskji

Naraw li r-riskji għal din il-perspettiva ekonomika huma ġeneralment ibbilanċjati. L-attività ekonomika tista’ taqbeż l-aspettattivi tagħna jekk il-konsumaturi jsiru aktar kunfidenti u jfaddlu inqas milli mistenni bħalissa. Titjib aktar mgħaġġel fis-sitwazzjoni tal-pandemija jista’ jwassal ukoll għal espansjoni aktar b'saħħitha milli previst bħalissa. Jekk il-konġestjonijiet fil-provvista jdumu aktar u jgħaddu għal żidiet fil-pagi ogħla minn dawk antiċipati, il-pressjonijiet tal-prezzijiet jistgħu jkunu aktar persistenti. Fl-istess ħin, il-prospetti ekonomiċi jistgħu jiddeterjoraw jekk il-pandemija tmur għall-agħar, u dan jista’ jittardja aktar il-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija, jew jekk in-nuqqas ta’ provvisti jirriżulta li jkun aktar persistenti milli mistenni bħalissa u jżomm lura l-produzzjoni.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

L-irkupru tat-tkabbir u l-inflazzjoni għadu jiddependi fuq kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi kollha tal-ekonomija. Ir-rati tal-imgħax tas-suq naqsu matul is-sajf, iżda marru lura reċentement. B’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għall-ekonomija jibqgħu favorevoli.

Ir-rati ta’ self bankarju għal impriżi u unitajiet domestiċi huma f’livelli storikament baxxi. Is-self lill-unitajiet domestiċi baqa’ sod, speċjalment għax-xiri tad-djar. It-tkabbir kemxejn aktar bil-mod tas-self lil impriżi huwa prinċipalment dovut għall-fatt li l-impriżi għadhom iffinanzjati sewwa, minħabba li ssellfu bil-kbir fl-ewwel mewġa tal-pandemija. Huma għandhom ammonti kbar ta’ flus kontanti u qegħdin iżommu dejjem aktar il-qligħ, u dan inaqqas il-ħtieġa għal finanzjament estern. Għal impriżi akbar, il-ħruġ ta’ bonds huwa alternattiva attraenti għal self bankarju. Karti tal-bilanċ bankarji solidi jkomplu jiżguraw li jkun hemm kreditu suffiċjenti disponibbli.

Madankollu, ħafna impriżi u familji daħlu għal aktar dejn matul il-pandemija. Deterjorament fil-prospetti ekonomiċi jista’ jhedded is-saħħa finanzjarja tagħhom. Dan, imbagħad, jiggrava l-kwalità tal-karti tal-bilanċ tal-banek. L-appoġġ tal-politika jibqa’ essenzjali biex jiġu evitati tensjonijiet tal-karta tal-bilanċ u l-issikkar tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament milli jsaħħu lil xulxin.

Konklużjoni

Fil-qosor, l-ekonomija taż-żona tal-euro qed tirpilja b’mod ċar. Madankollu, il-veloċità tal-irkupru tkompli tiddependi fuq il-kors tal-pandemija u l-progress tat-tilqim. Iż-żieda attwali fl-inflazzjoni hija mistennija li tkun fil-biċċa l-kbira temporanja u l-pressjonijiet tal-prezzijiet sottostanti ser jiżdiedu b’mod gradwali biss. It-titjib żgħir fil-prospetti tal-inflazzjoni fit-terminu medju u l-livell kurrenti tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jippermettu li kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli jinżammu b’pass moderatament aktar baxx ta’ xiri ta’ assi nett taħt il-PEPP. Il-miżuri tal-politika tagħna, inkluża l-gwida riveduta bil-quddiem tagħna dwar ir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, huma essenzjali biex jgħinu lill-ekonomija tinbidel għal irkupru sostnut u, fl-aħħar mill-aħħar, biex l-inflazzjoni tinġieb fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja