Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Il-verżjoni bl-Ingliż ta’ din il-paġna fiha informazzjoni iżjed aġġornata.

Mistoqsijiet u tweġibiet fuq ir-reviżjoni tal-istrateġija

Xi tkun ir-reviżjoni tal-istrateġija?

Kull ekonomija teħtieġ munita sigura u stabbli. Il-kompitu ewlieni tal-BĊE, bħala l-bank ċentrali għall-euro, huwa li jżomm is-saħħa tal-euro u l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro.

Biex jiggwida d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tagħna l-BĊE jiddependi fuq strateġija tal-politika monetarja li tistabbilixxi l-koordinati, l-approċċi u l-orjentazzjonijiet politiċi li bihom nilħqu l-għan tagħna. Irridu niżguraw li l-istrateġija tagħna tkun tajba għall-iskop u tgħinna nwettqu l-mandat tagħna li nżommu l-prezzijiet stabbli. Għalhekk, flimkien mad-19-il bank nazzjonali ċentrali taż-żona tal-euro, bdejna nirrevedu l-istrateġija tagħna. Ir-reviżjoni mhix dwar dak li nagħmlu imma kif nagħmluh.

Qed inħarsu lejn:

  • x’nifhmu preċiżament bi “stabbiltà tal-prezzijiet”, jiġifieri, għal liema rata ta’ inflazzjoni għandna nimmiraw;
  • il-mod kif nanalizzaw l-ekonomija, biex niżguraw li naraw riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fi żmien xieraq u nifhmu kif id-deċiżjonijiet tagħna jaffettwaw partijiet interessati bħall-konsumaturi, kumpaniji, swieq u banek;
  • kif kwistjonijiet bħall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, it-tibdil fil-klima u l-istabbiltà finanzjarja huma relevanti wkoll waqt li nsegwu l-mandat tagħna;
  • l-istrumenti tal-politika monetarja li nużaw, inklużi r-rati tal-imgħax u x-xiri tal-assi;
  • il-mod kif nikkonnettjaw u nikkomunikaw miegħek, għax l-euro huwa ġid pubbliku u rridu liċ-ċittadini kollha jifhmu l-missjoni u d-deċiżjonijiet tagħna.

Il-BĊE għaliex qed jirrivedi l-istrateġija tiegħu issa?

Mill-aħħar reviżjoni tal-istrateġija tagħna fl-2003 rajna bidliet fundamentali fl-ekonomija. It-tkabbir li qed jonqos u l-wirt tal-kriżi finanzjarja baxxew ir-rati tal-imgħax, u għamluha aktar diffiċli għall-BĊE u banek ċentrali oħra biex itaffu l-politika monetarja meta t-tkabbir ekonomiku jkun kajman. B’riżultat ta’ dan, is-sett ta’ strumenti tagħna espanda. Żviluppi bħall-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ u t-tibdil fil-klima wkoll joħolqu sfidi ġodda għall-ekonomija. Irridu nagħmlu l-istrateġija tal-politika monetarja tagħna kemm jista’ jkun effettiva f’dan l-ambjent ta’ sfida u li qed jinbidel - kemm illum kif ukoll fil-futur

Hemm xi ftit kwistjonijiet li ġiegħluna nibdew reviżjoni.

Rati tal-imgħax baxxi storiċi. Ir-rati huma baxxi għal diversi raġunijiet: il-pass li bih l-ekonomiji qed jikbru maż-żmien qed jonqos, il-produttività (kemm naħdmu b’mod effiċjenti) f’ħafna ekonomiji avvanzati qed tikber aktar bil-mod u l-popolazzjoni qed tixjieħ. It-tnaqqis fil-produttività u popolazzjoni attiva li qed tonqos inaqqsu r-rati tal-imgħax. Popolazzjoni li qed tixjieħ tfaddal aktar flus, li jimbotta r-rati tal-imgħax aktar 'l isfel.

Limiti għal kemm jitbaxxew r-rati tal-imgħax. Tradizzjonalment, il-banek ċentrali jgħollu r-rati tal-imgħax meta l-inflazzjoni tkun għolja wisq. Meta l-inflazzjoni tkun baxxa wisq ir-rati tal-imgħax jitbaxxew biex isostnu l-attività ekonomika. Ir-rati tal-imgħax kurrenti huma qrib iż-żero jew saħansitra negattivi, u jagħmluha iktar diffiċli għall-BĊE u banek ċentrali oħra li jbaxxu r-rati bil-mod tipiku matul perjodi ta’ tkabbir kajman u inflazzjoni baxxa. Strumenti ġodda – miżuri ta’ politika monetarja mhux standard bħall-programmi ta’ xiri ta’ assi – ġew stabbiliti biex jirrispondu għal dawn il-limiti u jiżguraw l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Tibdil fil-klima fil-klima, globalizzazzjoni kontinwa, diġitalizzazzjoni rapida u strutturi finanzjarji li qed jinbidlu. Dawn ix-xejriet jista’ jkollhom effetti mhux mistennija fuq id-dinja, fuq il-mod kif taħdem l-ekonomija, u hekk ukoll fuq il-politika monetarja tagħna.

X’inhi l-kronoloġija tar-reviżjoni tal-istrateġija?

Nedejna r-reviżjoni fit-23 ta’ Jannar 2020. Il-konklużjoni tar-reviżjoni tal-istrateġija ġiet posposta mill-aħħar tal-2020 għat-tieni nofs tal-2021 minħabba l-pandemija tal-koronavirus.

Iċ-ċittadini kif jistgħu jagħtu l-fehma tagħhom?

Bħala parti mir-reviżjoni tal-istrateġija qed niġbru kontribut minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati. Irridu nifhmu aħjar l-aspettattivi u t-tħassib tan-nies biex insibu l-aħjar mod biex inwettqu l-mandat tagħna ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.

Iċ-ċittadini kellhom iċ-ċans jaqsmu l-kontribut tagħhom permezz tal-Portal Il-BĊE Jisma’ sal-aħħar ta’ Ottubru 2020.

Il-BĊE Jisma’ – Rapport fil-qosor tar-risposti fil-Portal il-BĊE Jisma’

Organizzajna sensiela ta’ konferenzi u workshops madwar iż-żona tal-euro u l-banek ċentrali nazzjonali qed ikomplu bl-avvenimenti tagħhom. Irridu nisimgħu mingħand kulħadd, inkluż il-pubbliku ġenerali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

il-BĊE Jisma’ – Rapport fil-qosor tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu Aktar tagħrif dwar l-avvenimenti nazzjonali tas-smigħ

L-istrateġija tar-reviżjoni kif ser taffettwa l-politika monetarja attwali?

Il-valutazzjoni tal-politika monetarja tal-BĊE kull sitt ġimgħat tibqa’ separata mir-reviżjoni tal-istrateġija – qed inwettqu żewġ eżerċizzji differenti. L-iskop tar-reviżjoni huwa li l-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE tkun tajba għas-snin li ġejjin. Sadanittant, il-Kunsill Governattiv se jkompli jimmonitorja l-evoluzzjoni tal-ekonomija u l-inflazzjoni u jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu kif xieraq.

L-istrateġija tal-politika monetarja attwali tagħna

Għaliex tgħidu li mhux dwar dak li nagħmlu imma kif nagħmluh?

L-għan tagħna huwa stabbilit fit-trattati tal-UE. Għalhekk ir-reviżjoni tagħna tkopri l-aspetti kollha tal-istrateġija tal-politika monetarja tagħna, billi tieħu l-mandat tagħna kif ingħata. Qed inkunu attenti ħafna fil-valutazzjoni tagħna u qed nersqu lejn l-eżerċizzju b'moħħ miftuħ.

Trattat UE

Dan se jinbidel ukoll kif jiġu ssorveljati l-banek?

Din ir-reviżjoni tal-istrateġija tkopri aspetti differenti tal-politika monetarja tagħna u ma tinkludix ir-rwol tal-BĊE fis-superviżjoni bankarja. Il-mod kif nissorveljaw il-banek huwa indipendenti minn kif immexxu l-politika monetarja.

Superviżjoni bankarja

Kif ser iżżommni infurmat dwar ir-reviżjoni tal-istrateġija?

Aħna ser nipprovdu aġġornamenti regolari dwar il-proċess ta’ reviżjoni tal-istrateġija fil-konferenzi stampa tagħna tal-BĊE li jiġu sstrimjati fuq l-internet kull sitt ġimgħat, fuq il-websajt tagħna u fuq il-kanali tal-midja soċjali tagħna.

Paġna ewlenija tar-reviżjoni tal-istrateġija Konferenzi stampa Kanali tal-midja soċjali tal-BĊE

Se taqsmu r-rispons li tirċievu mill-eżerċizzji tas-smigħ tiegħek waqt ir-reviżjoni?

Iva. Aħna nippubblikaw sommarji tal-kummenti li nirċievu mill-eżerċizzji ta’ smigħ tagħna fuq il-kanali diġitali kollha tagħna. Agħti ħarsa lejn ir-rapporti ta’ hawn taħt, li jiġbru fil-qosor dak li smajna sa issa.

Il-BĊE Jisma’ – Sommarju tar-rapport fil-qosor tar-risposti tal-Portal Il-BĊE Jisma’ Il-BĊE Jisma’ – Rapport fil-qosor tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu

Meta għamiltu l-aħħar reviżjoni tal-istrateġija?

L-istrateġija inizjali tal-politika monetarja tal-BĊE ġiet stabbilita fl-1998, is-sena li l-BĊE beda x-xogħol tiegħu. Ivvalutajna u kkjarifikajna din l-istrateġija fl-2003.

Banek ċentrali oħrajn jirrivedu l-istrateġiji tagħom?

Iva, banek ċentrali oħra jwettqu wkoll reviżjonijiet tal-istrateġija. Pereżempju, fl-Istati Uniti, il-Federal Reserve System beda reviżjoni fl-2019 li issa tlestiet. Fir-Renju Unit, il-Bank of England ħabbar proċess ta’ reviżjoni ta’ sena f’Jannar 2020. Il-Bank tal-Kanada jwettaq reviżjoni tal-mira tiegħu tal-inflazzjoni kull ħames snin.

Qed tfittex aktar informazzjoni fuq ir-reviżjoni tal-istrateġija?