Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2007

Il-Finlandja
Tema: Id-90 anniversarju tal-Indipendenza tal-Finlandja
Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm dgħajsa ta’ disa' mqadef bil-qaddiefa, bħala simbolu tal-kollaborazzjoni. Is-sena tal-ħruġ ‘2007’ u s-sena tal-Indipendenza ‘1917’ jidhru 'l fuq u ’l isfel mix-xbieha rispettivament. Il-marka taz-zekka tidher fuq ix-xellug tal-imqadef u l-ittri ‘FI’, għall-Finlandja, fuq il-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ 2 miljun munita
Data tal-ħruġ: Diċembru 2007

San Marino
Tema: Il-biċentinarju tat-twelid ta’ Giuseppe Garibaldi
Deskrizzjoni: Fil-parti ċentrali tal-munita hemm ritratt imnaqqax ta' Giuseppe Garibaldi. Il-kliem ‘SAN MARINO’ u s-sena tal-ħruġ ‘2007’ jidhru madwar in-naħa ta’ barra tal-parti tan-nofs, fuq ix-xellug u fuq il-lemin tax-xbieha rispettivament. Il-marka taz-zekka ‘R’ tinsab fuq ix-xellug tax-xbieha filwaqt li l-inizjali tal-artist Ettore Lorenzo Frapiccini ‘E.L.F.’ jidhru n-naħa ta’ isfel fuq ix-xellug tal-parti ċentrali. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ 130,000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2007

Belt tal-Vatikan
Tema: Għeluq it-80 sena tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI
Deskrizzjoni: Fil-parti ċentrali tal-munita jidher il-profil tal-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI li jħares lejn ix-xellug. L-iskrizzjoni ‘BENEDICTI XVI P.M. AETATIS ANNO LXXX CITTÀ DEL VATICANO’ (Benedittu XVI fl-età ta’ 80 sena Belt tal-Vatikan) hija mnaqqxa madwar il-parti ta’ ġewwa tal-munita. Fuq ix-xellug tax-xbieha hemm il-marka taz-zekka ‘R’, is-sena tal-ħruġ ‘2007’ u l-inizjali tal-inċiżur, ‘M.C.C. INC.’, filwaqt li isem l-artist ‘Longo’ jidher imnaqqax fuq il-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ 100,000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2007

Monako
Tema: Il-25 anniversarju tal-mewt tal-Prinċipessa Grace
Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm xbieha ta’ wiċċ il-Prinċipessa Grace tħares lejn ix-xellug. Fuq il-lemin tagħha hemm il-kelma ‘MONACO’, il-marka taz-zekka, is-sena ‘2007’ u l-marka tal-inċiżur. L-isem tad-disinjatur ‘R.B.Baron’ jidher fuq il-lemin, eżatt ma’ xagħar il-Prinċipessa. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ 20,000 munita
Data tal-ħruġ: Lulju 2007

Il-Portugall
Tema: Il-Presidenza Portugiża tal-Unjoni Ewropea
Deskrizzjoni: Fil-parti ta’ ġewwa hemm balluta tas-sufra (quercus suber). L-istemma araldika tal-Portugall tidher taħt il-friegħi l-iżjed baxxi fuq ix-xellug taz-zokk, filwaqt li l-kelma ‘PORTUGAL’, miktuba fuq tliet linji, tidher fuq il-lemin. Imnaqqxa fil-forma ta’ nofs tond madwar in-naħa ta’ ġewwa tal-munita, taħt is-siġra, hemm il-firma tad-disinjatriċi ‘I. Vilar’, is-sena tal-ħruġ ‘2007’, il-marka taz-zekka ‘INCM’ u l-kitba ‘PRESIDÊNCIA DO CONSELHO DA UE’ (Presidenza tal-Kunsill tal-UE). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ 2 miljun munita
Data tal-ħruġ: Lulju 2007













Pajjiżi taż-żona tal-euro
Tema: Il-50 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma
Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm id-dokument tat-Trattat iffirmat mis-sitt pajjiżi fundaturi, fuq sfond li jkaffar fl-iċċangar (iddisinjat minn Michelangelo) tal-Piazza del Campidoglio f’Ruma, fejn sar l-iffirmar fil-25 ta’ Marzu 1957. Il-kliem ‘Trattat ta’ Ruma 50 Sena’, ‘Ewropa’ u l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita jidhru bil-lingwi rispettivi taż-żona tal-euro, jew bil-Latin. Hekk, il-kitba hija differenti minn pajjiż għall-ieħor, iżda x-xbieha hija l-istess. It-Trattat ta’ Ruma stabbilixxa l-Komunità Ekonomika Ewropea u fl-aħħarnett wassal għall-introduzzjoni tal-euro fl-1999 u tal-karti u l-muniti tal-euro fl-2002. L-anniversarju ġie ċċelebrat fil-25 ta’ Marzu 2007. Il-pajjiżi taż-żona tal-euro ddeċidew li jfakkru l-okkażjoni billi flimkien ħarġu din il-munita kommemorattiva. Id-disinn tagħha ntgħażel wara kompetizzjoni organizzata miz-zekki Ewropej. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: ivarja minn pajjiż għal pajjiż
Data tal-ħruġ: Marzu 2007

Il-Ġermanja
Tema: Mecklenburg-Vorpommern
Deskrizzjoni: Il-munita turi l-Kastell ta’ Schwerin u fiha l-iskrizzjoni ‘Mecklenburg-Vorpommern’, l-istat federali ta’ Mecklenburg-Pomeranja tal-Punent fejn jinsab il-kastell. Il-marka taz-zekka A, D, F, G jew J tidher ’il fuq mix-xbieha u taħtha hemm l-inizjali tal-inċiżur ‘HH’. Fin-naħa ta' fuq taċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, mifrudin mis-sena meta ħarġet il-munita ‘2007’ u fin-naħa t'isfel jidher il-kliem ‘Bundesrepublik Deutschland’ (Repubblika Federali tal-Ġermanja).
Volum tal-ħruġ 30 miljun munita
Data tal-ħruġ: Frar 2007

Il-Lussemburgu
Tema: Il-Palazz Gran Dukali
Deskrizzjoni: Il-munita fiha profil ta’ wiċċ il-Gran Duka Henri mnaqqax fuq xbieha tal-Palazz Gran Dukali. Is-sena tal-ħruġ ‘2007’ tidher wieqfa fuq ix-xellug, fuqha tidher il-marka tal-istampier u taħtha l-marka taz-zekka. L-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘LËTZEBUERG’ jidher fit-tond in-naħa t’isfel f’nofs il-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ 1.1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Frar 2007