Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-Kontijiet Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2010

3 ta' Marzu 2011

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010.

Il-BĊE kellu bilanċ pożittiv ta’ €1,334 miljun fl-2010, meta mqabbel ma’ bilanċ pożittiv ta’ €2,218 miljun fl-2009 [1]. Fatturi li kkontribwew għal bilanċ pożittiv aktar baxx fl-2010 kienu dħul nett aktar baxx mill-imgħax minħabba rati tal-imgħax aktar baxxi, kemm mill-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament tal-Eurosistema kif ukoll mir-riżervi tal-kambju barrani denominati fid-dollaru Amerikan, u l-fatt li ma kienx hemm bejgħ ta’ deheb fl-2010.

Fil-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jittrasferixxi ammont ta’ €1,163 miljun għall-provvediment kontra r-riskji, biex b’hekk dan żdied għal-livell massimu attwali ta’ €5,184 miljun. Minħabba f’hekk, il-qligħ nett iddikjarat tal-BĊE għall-2010 ammonta għal €171 miljun li, fil-laqgħa tal-lum, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassamu kollu lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) taż-żona tal-euro.

L-għan tal-provvediment kontra r-riskji hu li jkopri r-riskji tar-rati tal-kambju, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb. Id-daqs u l-ħtieġa kontinwa ta’ dan il-provvediment jiġu riveduti kull sena.

Id-dħul regolari tal-BĊE jiġi prinċipalment mill-qligħ fuq l-investimenti li għandu f’assi tar-riżervi barranin u mill-fondi tal-portafoll tiegħu stess, mill-qligħ mill-imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% mit-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, u mid-dħul nett tal-imgħax fuq it-titoli mixtrija għall-għanijiet tal-politika monetarja skond il-programm tax-xiri ta’ bonds garantiti (li beda f’Lulju 2009) u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli (li beda f’Mejju 2010).

Id-dħul nett mill-imgħax ammonta għal €1,422 miljun fl-2010 (2009: €1,547 miljun). Dan kien jinkludi dħul ta’ imgħax ta’ €654 miljun mis-sehem tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (2009: €787 miljun), dħul ta’ imgħax nett ta’ €140 miljun (2009: €18-il miljun) mit-titoli mixtrija skond il-programm tax-xiri ta’ bonds garantiti, u dħul ta’ imgħax nett ta’ €438 miljun mit-titoli mixtrija skond il-Programm tas-Swieq tat-Titoli.

Il-BĊE ħallas rimunerazzjoni ta’ €346 miljun (2009: €443 miljun) lill-BĊN fuq il-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi tar-riżervi barranin li ttrasferew lill-BĊE, waqt li d-dħul mill-imgħax fuq l-assi tar-riżervi barranin ammonta għal €366 miljun (2009: €700 miljun). Il-qligħ realizzat minn operazzjonijiet finanzjarji naqas minn €1,103 miljun (fl-2009) għal €474 miljun, billi ma kienx hemm bejgħ ta’ deheb fl-2010. It-tnaqqis fil-valutazzjoni ta’ €195 miljun fl-2010 kien dovut l-aktar għal telf mhux realizzat fuq titoli negozjabbli minbarra dawk miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja, meta mqabbel mat-tnaqqis fil-valutazzjoni ta’ €38 miljun fl-2009.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE għall-istaff, il-kera tal-bini, id-drittijiet professjonali, u prodotti u servizzi oħra ammontaw għal €415-il miljun fl-2010 (inklużi l-ispejjeż tad-deprezzament fuq l-assi fissi li ammontaw għal €14-il miljun), meta mqabbla ma’ €401 miljun fl-2009.

Il-Kontijiet Annwali, flimkien mar-rapport tal-amministrazzjoni għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 se jiġu ppubblikati fid-19 ta’ April 2011 fir-Rapport Annwali tal-BĊE.

Noti għall-edituri

  1. Il-politika tal-kontabilità tal-BĊE: Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa politika komuni tal-kontabilità għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skond l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. [2] Għalkemm ibbażata ġeneralment fuq prassi tal-kontabilità aċċettata internazzjonalment, din il-politika tfasslet speċjalment minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Dawn jinkludu l-valutazzjoni tas-suq ta’ titoli negozjabbli minbarra dawk ikklassifikati bħala li jinżammu sal-maturità, il-valutazzjoni tad-deheb u tal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha fil-karta tal-bilanċ u barra l-karta tal-bilanċ, denominati f’munita barranija. It-titoli negozjabbli li jinżammu sal-maturità huma stmati skond il-prezz tal-akkwist li hu soġġett għal telf. Tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza, minħabba li l-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali tal-Eurosistema kienu esposti ħafna għar-riskji tal-kambju barrani. Dan l-orjentament prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti tal-qligħ u t-telf mhux realizzati biex jiġi rikonoxxut id-dħul, u għall-projbizzjoni tal-innettjar ta’ telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi kontra qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-qligħ mhux realizzat jiġi trasferit direttament fil-kontijiet tar-rivalutazzjoni, waqt li t-telf mhux realizzat fi tmiem is-sena li jkun ikbar mill-bilanċi relatati fil-kont tar-rivalutazzjoni jitqies bħala spiża. Il-BĊN kollha taż-żona tal-euro huma meħtieġa jimxu fuq din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. Barra dan, il-BĊN kollha japplikaw minn rajhom bejn wieħed u ieħor l-istess politika bħal dik tal-BĊE meta jħejju r-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. Rimunerazzjoni ta’ assi ta’ riżervi barranin trasferiti lill-BĊE: Meta jittrasferixxi assi tar-riżervi barranin lill-BĊE malli jissieħeb fl-Eurosistema, kull BĊN jakkwista kreditu rimunerat kontra l-BĊE ekwivalenti għall-ammont li jkun ittrasferixxa. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dawn il-krediti jkunu denominati fl-euro, u jiġu rimunerati fuq bażi ta’ kuljum bl-aħħar rata marġinali disponibbli għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema, aġġustata biex titqies ir-rata ta’ qligħ żero fuq il-komponent tad-deheb.
  3. Distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul nett tal-BĊE minn titoli mixtrija skond il-Programm tas-Swieq tat-Titoli: Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dan id-dħul ikun dovut lill-BĊN taż-żona tal-euro fis-sena finanzjarja meta jkun dovut. Id-dħul mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandu jitqassam fit-tieni jum tax-xogħol tas-sena ta’ wara, waqt li d-dħul mit-titoli mixtrija skond il-Programm tas-Swieq tat-Titoli għandu jitqassam fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. [3] Iż-żewġ ammonti għandhom jitqassmu kollha minbarra jekk il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena jkun inqas mid-dħul tiegħu mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul nett mit-titoli mixtrija skond il-Programm tas-Swieq tat-Titoli, u soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv qabel tmiem is-sena finanzjarja biex jittrasferixxi parti minn dan id-dħul, jew dan id-dħul kollu, lill-provvediment kontra r-riskji tal-kambju barrani, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb.
  4. Distribuzzjoni tal-qligħ/allokazzjoni tat-telf: Skond l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, sa 20% tal-qligħ nett ta’ kwalunkwe sena jista’ jiġi trasferit lill-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu li jkun daqs 100% tal-kapital tal-BĊE. Il-bqija tal-qligħ nett għandha titqassam lill-BĊN taż-żona tal-euro skond il-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom. F’każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, l-ammont nieqes jista’ jitpatta kontra l-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, kontra d-dħul monetarju tas-sena finanzjarja rilevanti fil-proporzjon u mhux iżjed mill-ammonti allokati lill-BĊN taż-żona tal-euro skond l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.
  1. [1] Wara aġġustament tekniku fil-31 ta’ Diċembru 2009, ammont ta’ €35 miljun ġie rilaxxat mill-provvediment tal-BĊE għar-riskji; għalhekk ir-riżultat nett iddikjarat għall-2009 żdied ftit għal €2,253 miljun.

  2. [2] Id-Deċiżjoni BĊE/2006/17 tal-10 ta’ Novembru 2006, ĠU L 348, 11.12.2006, p.38, kif emendata, li fiha l-politika tal-kontabilità dettaljata tal-BĊE, ġiet revokata u sostitwita bid-Deċiżjoni BĊE/2010/21 tal-11 ta’ Novembru 2010, ĠU L 35, 9.2.2011, p. 1, b’seħħ mill-31 ta’ Diċembru 2010.

  3. [3] Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u mit-titoli mixtrija skond il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (tfassil mill-ġdid), ĠU L 6, 11.1.2011, p. 35.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja