Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32019D0027

    Deċiżjoni (UE) 2019/1378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Awwissu 2019 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (BĊE/2019/27)

    ĠU L 224, 28.8.2019, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument Fis-seħħ

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1378/oj

    28.8.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 224/9


    DEĊIŻJONI (UE) 2019/1378 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tad-9 ta' Awwissu 2019

    li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (BĊE/2019/27)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa minn meta ġie stabbilit il-Bord Amministrattiv ta' Rieżami, jeħtieġ li jiġu ċċarati ċerti aspetti tar-Regoli Operattivi tiegħu, li huma stipulati fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (2), u fejn xieraq li jiġu adattati, b'mod partikolari fir-rigward tal-irwol tas-supplenti.

    (2)

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żviluppa metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż imġarrba mill-applikanti u mill-BĊE fil-kuntest tar-rieżami amministrattiv intern ta' deċiżjonijiet tal-BĊE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami. Din il-metodoloġija għandha tiġi inkluża fir-Regoli Operattivi.

    (3)

    Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Emendi

    Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 hija emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn ħames membri li għandhom jiġu ssostitwiti minn żewġ supplenti taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4.”

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “3.   Supplent għandu jissostitwixxi temporanjament lil membru tal-Bord Amministrattiv f'każ ta' inkapaċità temporanja. Fil-kuntest ta' talba partikolari għal rieżami, supplent għandu jissostitwixxi temporanjament lil membru tal-Bord Amministrattiv fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    f'kull sitwazzjoni li tista' tqajjem tħassib dwar kunflitt ta' interess, kif iddefinit fl-Artikolu 11.1 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri ta' livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (*1);

    (b)

    il-membru ma jkunx disponibbli għal raġunijiet iġġustifikati.

    (*1)  ĠU C 89, 8.3.2019, p. 2”;"

    (c)

    il-paragrafi 4 u 5 li ġejjin huma miżjuda:

    “4.   Supplent għandu jissostitwixxi b'mod permanenti lil membru tal-Bord Amministrattiv f'każ ta' inkapaċità permanenti, mewt, riżenja jew tneħħija mill-kariga. F'dan il-każ, għandu jieqaf ikun supplent u għandu jiġi nnominat bħala membru tal-Bord Amministrattiv mill-Kunsill Governattiv. Supplent għandu jinħatar minfloku, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

    5.   Is-supplenti għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċeduri ta' rieżami, jew billi jissostitwixxu temporanjament lill-membri tal-Bord Amministrattivi jew bħala osservaturi.”;

    2.

    fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “3.   It-terminu tal-kariga tal-membri tal-Bord Amministrattiv u taż-żewġ supplenti għandu jkun ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darba. F'każ li supplent jissostitwixxi b'mod permanenti lil membru tal-Bord Amministrattiv taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(4), dik is-sostituzzjoni m'għandhiex titqies bħala ħatra ġdida jew tiġdid, u l-mandat tiegħu għandu jitqies li jkun beda fid-data tal-ħatra tiegħu bħala supplent.”;

    3.

    fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

    “5.   L-avviż ta' rieżami għandu jindika b'mod ċar id-dettalji ta' kuntatt sħaħ tal-applikant sabiex is-Segretarju jkun jista' jibgħat komunikazzjonijiet lill-applikant jew lir-rappreżentant tiegħu skont il-każ. Is-Segretarju għandu jibgħat fil-pront konferma tal-irċevuta lill-applikant li tiddikjara jekk l-avviż ta' rieżami huwiex komplut.”;

    4.

    fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta opinjoni dwar ir-reviżjoni f'perijodu ta' żmien xieraq għall-urġenza tal-kwistjoni u mhux iktar tard minn xahrejn mid-data meta jiġi rċevut l-avviż sħiħ tar-rieżami, li jkun fih id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 7(4), li tiegħu għandha tingħata konferma tal-irċevuta skont l-Artikolu 7(5).”;

    5.

    fl-Artikolu 17, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “2.   L-abbozz ta' deċiżjoni ġdida tal-Bord Superviżorju li tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali b'deċiżjoni ta' kontenut identiku jew li tirrevoka jew temenda d-deċiżjoni inizjali għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill Governattiv fi żmien 30 jum wara li tiġi rċevuta l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv.”;

    6.

    L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafi 3 u 4 huma mħassra.

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “5.   Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi dwar it-tqassim tal-ispejjeż skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 g.2 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, fuq il-bażi tal-metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”

    7.

    It-test li jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala Anness għad-Deċiżjoni BĊE/2014/16.

    Artikolu 2

    Dispożizzjoni finali

    Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta' Awwissu 2019.

    Il-President tal-BĊE

    Mario DRAGHI


    (1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

    (2)  Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).


    ANNESS

    “ANNESS

    Metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-rieżami mġarrba mill-applikant u mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest ta' rieżami mill-Bord Amministrattiv

    F'każijiet fejn il-Kunsill Governattiv jirrevoka d-deċiżjoni inizjali jew jemenda l-parti operattiva tagħha bħala konsegwenza tal-avviż ta' rieżami, il-BĊE għandu jirrimborsa l-ispejjeż imġarrba mill-applikant fil-kuntest tar-rieżami, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe spejjeż sproporzjonati mġarrba mill-applikant meta jippreżenta evidenza bil-miktub jew orali u fir-rigward ta' rappreżentanza legali, li għandhom jitħallsu mill-applikant. Fi kwalunkwe każ, ir-rimbors mill-BĊE ta' spejjeż imġarrba mill-applikant m'għandux jaqbeż EUR 50 000 għal kull rieżami individwali mill-Bord Amministrattiv.

    F'każijiet fejn il-Kunsill Governattiv jissotitwixxi d-deċiżjoni inizjali b'deċiżjoni ta' kontenut identiku jew jemenda biss il-parti mhux operattiva (*1) tad-deċiżjoni inizjali bħala konsegwenza tal-avviż ta' rieżami, l-applikant għandu jikkontribwixxi għall-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fil-kuntest tar-rieżami. Il-persuni fiżiċi għandhom iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 500. Il-persuni ġuridiċi għandhom iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 5 000. Il-ħlas ta' din is-somma f'daqqa jibqa' mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta' din id-Deċiżjoni.

    F'każijiet fejn l-applikant jirtira avviż ta' rieżami skont l-Artikolu 7(6) ta' din id-Deċiżjoni, l-applikant u l-BĊE għandhom jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tagħhom stess, jekk ikun hemm.


    (*1)  Parti mhux operattiva tirreferi għal kwalunkwe parti tad-deċiżjoni li tagħti l-bażi u r-raġunament għad-deċiżjoni tal-BĊE, irrispettivament mill-kliem li jintuża fid-deċiżjoni nfisha biex jindika dik il-parti.”


    Fuq