Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhuma l-haircuts?

L-aħħar Aġġornament: 30 ta' Ġunju 2023

Fis-swieq finanzjarji, it-terminu haircut jirreferi għal tnaqqis li jiġi applikat għall-valur tal-assi. Il-haircut huwa rappreżentat bħala perċentwal. Pereżempju, jekk assi, bħal bond tal-gvern partikolari, ikun jiswa €1 miljun imma jingħata haircut ta’ 20%, dan ifisser li jitqies daqslikieku l-valur tiegħu jkun ta’ €0.8 miljun biss.

Meta jintużaw il-haircuts?

Eżempju wieħed tal-użu ta’ haircuts huwa meta l-banek ċentrali jisilfu l-flus lill-banek kummerċjali. Bħala korrispettiv għas-self, bħala forma ta’ assigurazzjoni, il-bank ċentrali jitlob kollateral (skopri aktar dwar il-kollateral). Madankollu, japplika haircut (jiġifieri tnaqqis) għall-valur ta’ dan il-kollateral. Jekk nieħdu l-eżempju ta’ hawn fuq, bank kummerċjali jirċievi self ta’ €0.8 miljun, peress li din hija l-valutazzjoni tal-assi wara haircut ta’ 20%.

Għaliex jintużaw il-haircuts?

Il-banek ċentrali jeħtiġilhom ikunu ċerti li se jitħallsu lura tal-flus li jisilfu. Naturalment, l-ewwel linja ta’ difiża tkun il-ftehim ma’ min jissellef dwar il-ħlas lura. Jekk min jissellef jonqos milli jħallas is-self, il-bank ċentrali jbiegħ il-kollateral. Il-bank ċentrali għalhekk irid ikun ċert li se jkun jista’ jbiegħ il-kollateral bi prezz li jkopri l-ammont tas-self. Iżda l-valur tal-assi jista’ jitla’ u jinżel u l-banek ċentrali jistgħu jieħdu ċertu żmien biex ibiegħu assi speċifiċi. Il-haircut għalhekk tipprovdi lqugħ ta’ sigurtà għal kwalunkwe telf fil-valur matul iż-żmien sakemm jinbiegħ il-kollateral.

Biex niċċaraw dan, ejja nieħdu l-eżempju ta’ bond ta’ €1 miljun. Jista’ jkun jiswa €1 miljun issa, iżda m’hemm l-ebda garanzija li, meta jiġi biex jinbiegħ, xorta se jkun għadu jiswa €1 miljun. Is-swieq finanzjarji jistgħu jkunu volatili, u l-valur tal-assi jista’ jiġi affettwat minn diversi fatturi, inkluża s-saħħa finanzjarja tal-emittent ta’ dan il-bond. Din hija r-raġuni għaliex assi b’valur tas-suq kurrenti ta’ €1 miljun mhumiex biżżejjed għal self tal-istess ammont.

X’inhu li jiddeċiedi d-daqs ta’ haircut?

Min jislef (f’dan il-każ il-bank ċentrali) irid iqis x’daqs ta’ haircut huwa biżżejjed biex ikopri r-riskju li ma jkunx jista’ jbiegħ l-assi bil-valur kurrenti tiegħu. Dan jiddependi mill-fatturi msemmijin hawn fuq, fosthom kemm ikun riskjuż ċertu tip ta’ assi, kemm huwa volatili l-prezz tiegħu, u kemm hu “likwidu” (jiġifieri kemm hu faċli li jinbiegħ malajr mingħajr telf ta’ valur). Fi kliem ieħor, id-daqs ta’ haircut jiddependi fuq il-karatteristiċi kemm tal-kollateral kif ukoll tal-emittent ta’ dan il-kollateral. Pereżempju, il-bonds tal-gvern ċentrali għandhom it-tendenza li jkunu investimenti relattivament sikuri u likwidi, u għalhekk jirċievu haircut iżgħar minn self bankarju.

X’haircuts tapplika l-Eurosistema?

L-Eurosistema, li tikkonsisti mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, tiddeċiedi bir-reqqa liema haircuts għandhom japplikaw għall-kollateral li taċċetta. Taċċerta ruħha li l-haircut ikun suffiċjenti u proporzjonat biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ telf.

Meta taċċetta kollateral, l-Eurosistema ma tippreferix xi tip partikolari ta’ assi, sakemm dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha. Pereżempju, bħala kollateral għal self ta’ €1 miljun, min jissellef jista’ jipprovdi €1.7 miljun f’self bankarju b’haircut ta’ 40% jew €1.06 miljun f’bonds tal-gvern b’haircut ta’ 5%, billi t-tnejn għandhom valur kollaterali ta’ ftit iżjed minn €1 miljun. Dak li huwa essenzjali huwa li l-valur totali tal-kollateral, wara li jitqiesu l-haircuts, ikun daqs (jew ogħla minn) l-ammont totali tas-self. Dan ifisser li min jissellef irid jipprovdi ammont akbar ta’ assi b’haircuts akbar jew ammont iżgħar ta’ assi b’haircuts aktar baxxi.

L-Eurosistema għandha proċess strett ta’ ġestjoni tar-riskju u l-użu tal-haircuts huwa waħda minn bosta miżuri għall-kontroll tar-riskju biex jiġi żgurat li ma tieħux riskji bla bżonn. Il-qafas ta’ kontroll tar-riskju jiġi rieżaminat regolarment u l-BĊE jippubblika lista tal-kategoriji ta’ haircuts li japplika għall-kollateral.

Il-BĊE jippubblika u jirrevedi regolarment lista tal-haircuts li japplika għall-kollateral.

Informazzjoni addizzjonali dwar haircuts tista' tinsab fid-dokument okkażjonali bit-titolu “The valuation haircuts applied to eligible marketable assets for ECB credit operations”.

ARA WKOLL

Kun af iktar dwar kontenut relatat